Regolamenti tal-2020 dwar Restrizzjonijiet fuq it-Tqegħid fis-Suq ta’ Prodotti tal-Plastik li Jintużaw Darba Biss

 

CONSULTATION BRIEF

 Data tal-bidu: 28 Ottubru 2020

Data tal-għeluq: 26 Novembru 2020

Titlu tal-konsultazzjoni pubblika: Regolamenti tal-2020 dwar Restrizzjonijiet fuq it-Tqegħid fis-Suq ta’ Prodotti tal-Plastik li Jintużaw Darba Biss

Ministeru: Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar

Entità: Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi

  1. Informazzjoni Ġenerali

Bħala parti mid-diskors tal-Baġit 2020, il-Gvern ħabbar miżura ġdida relatata mal-problema tat-tniġġis ambjentali tal-plastik. Permezz ta’ din il-miżura, l-importazzjoni, il-produzzjoni, il-bejgħ u d-distribuzzjoni ta’ ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss (‘Single-Use Plastic’ jew ‘SUP’), bħal pożati, straws u platti, se jibdew jiġu projbiti f’Malta. B’mod aktar speċifiku, l-importazzjoni u l-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti se jkunu pprojbiti mill-1 ta’ Jannar 2021, filwaqt li l-bejgħ u distribuzzjoni tagħhom se jkunu projbit mill-1 ta’ Jannar 2022.

Fl-2019, l-Unjoni Ewropea (UE) adottat id-Direttiva 2019/904, bil-għan li tnaqqas l-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik, kif ukoll oġġetti oħra tal-plastik simili, fuq l-ambjent. Id-Direttiva tistabbilixxi numru ta’ miżuri effettivi mmirati għall-imsemmija prodotti, fosthom dik li tirrestrinġi t-tqegħid ta’ dawn il- prodotti fuq is-suq.

L-abbozz tar-Regolamenti tal-2020 dwar restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti SUP jimplimentaw parti mill-miżura tal-Baġit imsemmija hawn fuq, kif ukoll Artikolu 5 u Artikolu 6 (1) u 6 (2) tad- Direttiva (UE) 2019/904.

Peress li dawn ir-regolamenti jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti SUP, dawn ser jiġu promulgati kemm taħt l-Att dwar il-Provvisti u s-Servizzi (Kapitolu 117 tal-Liġijiet ta’ Malta) kif ukoll taħt l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent (Kapitolu 549 tal-Liġijiet ta’ Malta), sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni u kollaborazzjoni konġunta fl-infurzar tar-regolamenti proposti mid-Dipartiment tad-Dwana kif ukoll mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

 Dawn ir-regolamenti jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’:

  • Mill-1 ta’ Jannar 2021: Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fit-Taqsima A tal-Iskeda u prodotti magħmula mill-plastik ossodegradabbli. Dawn il-prodotti jinkludu pożati, straws, platti, stikek tal-cotton buds, ħawwada tax-xorb, stikek li jitwaħħlu mal-bżieżaq u li jżommuhom, kif ukoll Kontenituri tal-ikel u tazzi tax-xorb magħmula minn polistiren espandut;
  • Mit-3 ta’ Lulju 2024: Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fit-Taqsima B tal-Iskeda li għandhom tappijiet u għotjien magħmula mill-plastik. Dawn il-prodotti jinkludu kontenituri tax-xorb b’kapaċità sa tliet litri. Madankollu, kontenituri bħal dawn fejn it-tappijiet u l-għotjien tal-plastik jibqgħu mwaħħla mal-kontenitur matul l-użu tagħhom huma eżentati.

 

  1. Konsultazzjoni

Skont Artiklu 55 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap. 549) il-pubbliku huwa mistieden biex jagħmel is-sottomissjoniet lill-ERA bil-kummenti li jiddikjaraw kif ir-regolamenti proposti jistgħu jittejbu biex jilħqu l-għan aħħari tagħhom.

 

  1. Dokumenti

Regolamenti tal-2020 dwar Restrizzjonijiet fuq it-Tqegħid fis-Suq ta’ Prodotti tal-Plastik li Jintużaw Darba Biss

Restrictions on Placing on the Market of Single-Use Plastic Products Regulations, 2020

Vidjow mil-Laqgħa ta’ Konsultazzjoni

 

  1. Sottomissjoni ta’ kummenti

 Kummenti se jintlaqgħu bl-email fuq [email protected]. 

 

  1. Iktar noti

Għandek tkun infurmat li l-kummenti sottomessi, flimkien mal-identità tal-kontributur, jistgħu jiġu ppubblikati online fi tmiem il-konsultazzjoni pubblika, sakemm il-kontributur ma joġġezzjonax għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni personali tiegħu / tagħha. F’każ ta’ oġġezzjoni, il-kontribuzzjoni tista’ tiġi ppubblikata f’forma anonima.