Regolamenti tal-2020 dwar Restrizzjonijiet fuq it-Tqegħid fis-Suq tal-Basktijiet tal-Plastik Ħfief

 

CONSULTATION BRIEF

Data tal-bidu: 28 Ottubru 2020

Data tal-għeluq: 26 Novembru 2020

Titlu tal-konsultazzjoni pubblika: Regolamenti tal-2020 dwar Restrizzjonijiet fuq it-Tqegħid fis-Suq tal-Basktijiet tal-Plastik Ħfief

Ministeru: Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar

Entità: Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi

  1. Informazzjoni Ġenerali

Bħala parti mid-diskors tal-Baġit 2020, il-Gvern ħabbar miżura ġdida li biha l-importazzjoni u l-produzzjoni tal-basktijiet tal-plastik se jibdew jiġu projbiti mill-1 ta’ Jannar 2021, filwaqt li l-bejgħ u distribuzzjoni tagħhom se jkunu projbiti mill-1 ta’ Jannar 2022.

L-Artikolu 4(1a) tad-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jiksbu tnaqqis sostnut fil-konsum annwali ta’ basktijiet ħfief tal-plastik. Id-Direttiva tindika li dawk il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta’ restrizzjonijiet kummerċjali, diment li dawn ir-restrizzjonijiet ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji.

L-abbozz tar-Regolamenti tal-2020 dwar ir-Restrizzjonijiet fuq it-Tqegħid fis-Suq tal-Basktijiet tal-Plastik Ħfief jimplimentaw parti mill-miżura tal-Baġit filwaqt li jdaħħlu fis-seħħ ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/62/KE imsemmija hawn fuq.

Ir-Regolamenti msemmija ser jiġu promulgati kemm taħt l-Att dwar il-Provvisti u s-Servizzi (Kapitolu 117 tal-Liġijiet ta’ Malta) kif ukoll taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kapitolu 549 tal-Liġijiet ta’ Malta), sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni u kollaborazzjoni konġuta fl-infurzar tar-regolamenti proposti mid-Dipartiment tad-Dwana kif ukoll mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Dawn ir-regolamenti jipprojbixxu:

  • Mill-1 ta’ Jannar 2021- L-importazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju, u l-manifattura għaċ-ċirkolazzjoni fuq is-suq Malti, matul l-attività kummerċjali, ta’ kwalunkwe basktijiet tal-plastik ħfief;
  • Mill-1 ta’ Jannar 2022- Kwalunkwe provvista ta’ basktijiet tal-plastik ħfief għad-distribuzzjoni, konsum jew użu fis-suq f’Malta, matul attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas.

Basktijiet tal-plastik li jistgħu jerġgħu jintużaw, basktijiet tal-plastik bijodegradabbli u kompostabbli kif ukoll basktijiet tal-plastik ħfief ħafna huma eżentati mill-projbizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

 

  1. Konsultazzjoni

Skont Artiklu 55 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap. 549) il-pubbliku huwa mistieden biex jagħmel is-sottomissjoniet lill-ERA bil-kummenti li jiddikjaraw kif ir-regolamenti proposti jistgħu jittejbu biex jilħqu l-għan aħħari tagħhom.

 

  1. Dokumenti

Regolamenti tal-2020 dwar Restrizzjonijiet fuq it-Tqegħid fis-Suq tal-Basktijiet tal-Plastik Ħfief

Restrictions on Placing on the Market of Lightweight Plastic Carrier Bags Regulations, 2020

Vidjow mil-Laqgħa ta’ Konsultazzjoni

  1. Sottomissjoni ta’ kummenti

Kummenti se jintlaqgħu bl-email fuq [email protected]. 

 

  1. Iktar noti

Għandek tkun infurmat li l-kummenti sottomessi, flimkien mal-identità tal-kontributur, jistgħu jiġu ppubblikati online fi tmiem il-konsultazzjoni pubblika, sakemm il-kontributur ma joġġezzjonax għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni personali tiegħu / tagħha. F’każ ta’ oġġezzjoni, il-kontribuzzjoni tista’ tiġi ppubblikata f’forma anonima.