CONSULTATION BRIEF
Tibda: 27 Jannar 2025
Tagħlaq: 24 Frar 2025
Titlu tal-konsultazzjoni pubblika: Responsabbilità Estiża tal-Produttur għal Irkaptu tas-Sajd li Fih il-Plastik
Ministeru: Ministeru għall-Ambjent, Enerġija u Ndafa Pubblika (MEEC)
Entity: Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)
- Informazzjoni ġenerali
F’Ġunju tal-2019, l-UE adottat id-Direttiva (UE) 2019/904 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent, (magħrufa bħala l-SUP Directive). L-SUP Directive tiffoka fuq oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss u li jinstabu skartati b’mod komuni fuq il-bajjiet Ewropej, inkluż irkaptu tas-sajd li fih il-plastik, permezz ta’ miżuri differenti mmirati biex jinkisbu l-aktar riżultati effettivi. Sabiex tittrasponi d-Direttiva SUP, Malta diġà ppromulgat għadd ta’ Avviżi Legali, inkluż ir-Regolamenti dwar Qafas għall-Prodotti tal-Plastik li Jintużaw Darba Biss (L.S. 549.149).
Id-direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik. Malta diġà impenjat ruħha għal dan fl-Istrateġija dwar prodotti tal-plastik li jitużaw darba biss, kif ukoll fir-Regolamenti dwar Qafas għall-Prodotti tal-Plastik li Jintużaw Darba Biss (L.S. 549.149), li ġew ikkonsultati mal-pubbliku f’Diċembru 2021, bid-dħul fis-seħħ f’Settembru 2022.
Sabiex timplimenta dan ir-rekwiżit, Malta fasslet ir-Regolamenti tal-2025 dwar ir-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (Irkaptu tas-Sajd li Fih il-Plastik). Dan l-abbozz tal-liġi jistabbilixxi l-mekkaniżmu nazzjonali li bih, il-produtturi kollha li jqiegħdu fis-suq irkaptu tas-sajd li jkun fih il-plastik, ikunu finanzjarjament responsabbli għall-immaniġġjar ta’ dawn il-prodotti la darba jispiċċaw skart. Dawn l-ispejjeż jinkludu ġbir, trasport, trattament tal-iskart, miżuri ta’ sensibilizzazzjoni, ġbir ta’ data u rappurtar.
Dan l-abbozz ta’ liġi japplika għall-produtturi tal-irkaptu tas-sajd li jinkludi persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura, tbigħ jew timporta, u tqiegħed fis-suq ta’ Malta irkaptu tas-sajd li fih il-plastik. Is-sajjieda nfushom u l-artiġjani li jagħmlu rkaptu tas-sajd li fih il-plastik huma esklużi minn dawn l-obbligi, sakemm is-sajjieda ma jimpurtawx irkaptu tas-sajd direttament.
Din li ġejja hija lista mhux eżawrjenti ta’ rkaptu tas-sajd li fih il-plastik, intenzjonat li jkun kopert minn dawn ir-regolamenti:
- Jigs
- Rixa artifiċjali
- Lixka artifiċjali
- Spinners tas-sajd
- Ħarir (Najlon monofilament)
- Ħabel tan-najlon immaljat
- Sufruni
- Żubruni
- Xbieki, inklużi koppijiet.
Produtturi għandhom jattjenu l-għanijiet tal-EPR b’mod kollettiv u għaldaqstant għandhom jistabbilixxu organizzazzjoni ta’ responsabbiltà tal-produttur, awtorizzata mill-ERA.
L-abbozz tal-liġi jipproponi wkoll mira ta’ ġbir ta’ 5% għall-ġbir separat tal-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik bħala skart għar-riċiklaġġ.
Huwa meħtieġ ukoll li jiġi emendati r-Regolamenti dwar Qafas għall-Prodotti tal-Plastik li Jintużaw Darba Biss (L.S. 549.149) sabiex titneħħa kull referenza għat-twaqqif ta’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik, fid-dawl tal-fatt li din il-liġi proposta issa ser tkun speċifikament fuq l-irakptu.
- Konsultazzjoni
Skont l-Artikolu 55 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap. 549), il-pubbliku huwa mistieden jagħmel sottomissjonijiet lill-ERA bil-kummenti dwar kif u għaliex dawn l-abbozzi ta’ regolamenti jistgħu jiġu emendati.
- Dokumenti
Extended Producer Responsibility (Fishing Gear Containing Plastic) Regulations, 2025
Single-Use Plastic Framework (Amendment) Regulations, 2025
- Sottomissjoni tal-kummenti
Il-kummenti jistgħu jintbagħtu permezz tal-formola diġitali li tinsab konsultazzjoni.gov.mt jew permezz ta’ imejl fuq [email protected].
Apparti minn hekk, ser tiġi organizzata sessjoni pubblika ta’ konsultazzjoni b’ possibiltà li attendenza tkun kemm online kif ukoll fiżika mill-ERA, nhar it-Tlieta 11 ta’ Frar 2025 mill-16:00 sal-17:00 fl-uffiċċji tal-ERA (Hexagon House, Spencer Hill, Marsa, MRS 1441), fejn ser jiġu spjegati dawn l-abbozzi ta’ Regolamenti. Wieħed jista’ jattendi jew online jew fizikament. L-ispazju għal-attendenza fiżika se jkun limitat. Il-preżentazzjoni se tkun segwita minn sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet fejn il-membri tal-pubbliku u l-partijiet interessati jistgħu jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom.
Jekk jogħġbok irreġistra l-interess tiegħek li tattendi din is-sessjoni ta’ konsultazzjoni minn din il-ħolqa: https://twa.eraportal.org.mt/TWA/eForms/#/embed/139?allowanonymous=1.
L-inviti se jitbagħtu lil dawk li rreġistraw iktar viċin lejn il-laqgħa.
- Noti oħra
Nixtiequ ninfurmaw li l-kummenti sottomessi, flimkien mal-identità tal-kontributur, jistgħu jiġu ppubblikati onlajn fi tmiem il-konsultazzjoni pubblika, sakemm il-kontributur ma joġġezzjonax għall-pubblikazzjoni tad-data personali tiegħu/tagħha. F’dan il-każ, il-kontribuzzjoni tista’ tiġi ppubblikata f’forma anonima.
Il-kummenti kollha sottomessi għandhom jiġu kkunsidrati kif xieraq.