Konsultazzjoni dwar ir-Rapport Nazzjonali ta’ Implimentazzjoni tal-Protokoll PRTR għall-2025

CONSULTATION BRIEF

Go to English Version

Tibda: 29 Mejju 2025

Tagħlaq: 26 Ġunju 2025

Titlu tal-konsultazzjoni pubblika: Konsultazzjoni dwar ir-Rapport Nazzjonali ta’ Implimentazzjoni tal-Protokoll PRTR għall-2025

Ministeru: Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika (MEEC)

Entity: Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)

 

  1. Informazzjoni ġenerali

Il-Protokoll ta’ Kyiv dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Sustanzi li Jniġġsu huwa strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar ir-reġistri tar-rilaxx u t-trasferiment ta’ sustanzi li jniġġsu (PRTR). Il-Protokoll għandu l-għan li “jittejjeb l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni permezz tal-istabbiliment ta’ reġistri koerenti u nazzjonali tar-rilaxx u t-trasferiment ta’ sustanzi li jniġġsu (PRTRs)”. PRTR huwa inventarju ta’ emissjonijiet minn siti industrijali fl-arja, fl-ilma u fl-ħamrija, li jistgħu jkunu perikolużi. Il-PRTR huwa għodda importanti għall-politika ambjentali li tinkoraġġixxi l-industriji u l-faċilitajiet biex inaqqsu l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, filwaqt li jżommu t-trasparenza mal-pubbliku.

Il-Protokoll PRTR għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus daħal fis-seħħ, u b’hekk sar vinkolanti għall-Partijiet tiegħu, fit-8 ta’ Ottubru 2009. L-Unjoni Ewropea (UE) hija waħda mill-Partijiet għal dan il-protokoll, u bħala riżultat ippubblikat ir-Regolament tal-Kunsill KE 166/2006 rigward l-istabbiliment ta’ Reġistru Ewropew tar-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Sustanzi li Jniġġsu u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE fid-18 ta’ Jannar 2006.

Malta saret Parti għall-Protokoll ta’ Kyiv dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Sustanzi li Jniġġsu fit-20 ta’ Mejju 2016, iżda qabel din id-data, id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll kienu diġà japplikaw indirettament għal Malta permezz tas-sħubija tagħha fl-UE. Fil-fatt, Malta kienet diġà konformi mar-rekwiżiti tar-Regolamenti tal-UE E-PRTR (KE 166/2006), li, kif imsemmi hawn fuq, jimplimentaw il-Protokoll PRTR, meta saret parti għal dan il-Protokoll.

Skont l-Artikolu 17 tal-Protokoll dwar il-PRTRs, il-Partijiet jirrevedu kontinwament l-implimentazzjoni tal-Protokoll fuq bażi regolari permezz ta’ rapporti nazzjonali. Biex jiġi promoss aktar l-iskambju tal-għarfien u l-esperjenza, ir-rapporti nazzjonali ta’ implimentazzjoni ppreparati mill-Partijiet għal kull ċiklu ta’ rapportar jiġu aċċessati permezz tas-search engine fuq il-websajt tal-UNECE PRTR.

 

  1. Konsultazzjoni

Dan li ġej huwa sommarju qasir tal-informazzjoni pprovduta fir-Rapport Nazzjonali ta’ Implimentazzjoni ta’ Malta:

  • Dan il-Protokoll jipprovdi lill-pubbliku l-opportunità li jkollu aċċess għal informazzjoni ambjentali essenzjali u li jinvolvi ruħu aktar fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali.
  • Malta tikkonforma mal-obbligu tal-Protokoll PRTR li tirrapporta kull sena dwar il-PRTR mill-operazzjonijiet li għandhom permess, fuq il-bażi tal-konformità tagħha mar-Regolament tal-Kunsill tal-UE KE 166/2006 dwar l-E-PRTR, skont il-mudell ta’ rapportar kif determinat minn żmien għal żmien.
  • Id-data tal-PRTR minn Malta hija aċċessibbli għall-pubbliku fuq il-websajt Ewropea tal-E-PRTR (https://prtr.eea.europa.eu/#/home).
  • Ir-rapporti tal-E-PRTR Ewropej jiġu sottomessi kull sena bħala parti mir-Rapporti Ambjentali Annwali sal-aħħar ta’ Novembru.
  • Skont ir-regolamenti tal-E-PRTR, fil-qafas tas-sistema E-PRTR jiġu inklużi valuri aktar stretti ta’ trasferiment u rilaxx kif ukoll sustanzi li jniġġsu addizzjonali meta mqabbla mal-Protokoll PRTR.
  • Barra minn hekk, skont l-istess regolamenti tal-E-PRTR, jistgħu jiġu mitluba wkoll attivitajiet addizzjonali sabiex jippreżentaw rapport E-PRTR, peress li r-Regolament tal-UE jmur lil hinn minn dak li huwa mitlub mill-Protokoll PRTR f’dan ir-rigward.
  • Fil-rapport isir ukoll riferiment għall-Att dwar il-Whistle Blower, li jipproteġi lill-impjegati ta’ faċilità li jirrapportaw ksur bi buona fede minn kwalunkwe azzjoni detrimentali.
  • Isir ukoll riferiment għall-emissjonijiet minn sorsi diffużi li jiġu rrappurtati permezz tal-inventarju ta’ emissjonijiet għad-Direttiva Nazzjonali dwar il-Limiti ta’ Emissjonijiet u l-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis tal-Arja Transkonfinali fuq Distanzi Twal.
  • Għar-rapporti li għandhom jiġu sottomessi fl-2025, il-Partijiet huma meħtieġa jwettqu żewġ fażijiet ta’ konsultazzjoni:
    • l-ewwel fażi tkun konsultazzjoni dwar il-mudell ta’ rapportar sabiex jiġi vvalutat jekk il-pubbliku jixtieqx jinkludi aspetti addizzjonali fil-mudell,
    • u t-tieni fażi ta’ konsultazzjoni tkun iffokata fuq l-Abbozz Finali Kompilat tar-Rapport Nazzjonali ta’ Implimentazzjoni ppreparat mill-Awtorità. ERA se tqis kwalunkwe kummenti sottomessi mill-pubbliku u tissottometti r-rapport finali lis-Segretarjat tal-PRTR.

Din is-sessjoni ta’ konsultazzjoni tirreferi għall-Abbozz Finali tal-rapport nazzjonali ta’ implimentazzjoni li ġie ppreparat.

  • Ir-rapport jiddeskrivi wkoll il-proċess li bih id-data tiġi rċevuta, analizzata u rrappurtata kif ukoll il-proċess ta’ kontroll u assigurazzjoni tal-kwalità fuq id-data riċevuta mill-faċilitajiet.

 

  1. Dokumenti

Rapport Nazzjonali ta’ Implimentazzjoni tal-Protokoll PRTR għall-2025

 

  1. Sottomissjoni tal-kummenti

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu permezz tal-formola diġitali li tinsab konsultazzjoni.gov.mt jew permezz ta’ imejl fuq [email protected] sal-26 Ġunju 2025.

 

  1. Noti oħra

Nixtiequ ninfurmaw li l-kummenti sottomessi, flimkien mal-identità tal-kontributur, jistgħu jiġu ppubblikati onlajn fi tmiem il-konsultazzjoni pubblika, sakemm il-kontributur ma joġġezzjonax għall-pubblikazzjoni tad-data personali tiegħu/tagħha. F’dan il-każ, il-kontribuzzjoni tista’ tiġi ppubblikata f’forma anonima.

Il-kummenti kollha sottomessi għandhom jiġu kkunsidrati kif xieraq.