L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tifraħ lill-parteċipanti ta’ ‘Wave of Change Diving Clean Up’; inizjattiva ta’ għads u ġiri bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar il-bżonn li l-ilmijiet tagħna u l-ibħra kollha madwar id-dinja jinżammu ndaf. B’mod partikolari tqajmet kuxjenza dwar il-bżonn li ma jintremiex plastik fil-baħar.

Tul l-inizjattiva, żewġ parteċipanti ġrew 126km madwar Malta, u nġabru sitt tunnellati ta’ skart minn postijiet varji. Filwaqt li ERA tirrikonoxxi l-bżonn ta’ ġbir ta’ skart u inizjattivi simili, tisħaq b’mod partikolari fuq it-trawwim ta’ kultura fejn ma jintremiex skart b’mod irresponsabbli.

Ħajjitna tiddependi mill-ilma. Għalkemm mhux ħafna huma konxji, soċjetajiet u ekonomiji madwar id-dinja jisfaw fix-xejn mingħajr il-ħajja marittima u l-funzjonijiet tagħha. Dawn jinkludu l-iffiltrar, it-taħlit u l-ħażna tal-ilma, il-prevenzjoni tal-għargħar, iż-żamma tal-bilanċ tal-klima lokalment u globalment, u l-ħarsien tad-diversità bijoloġika.

Għaddasa għandhom l-opportunità unika li jinżlu taħt il-wiċċ tal-baħar u jesperjenzaw is-sbuħija inkredibbli tad-dinja taħt l-ilma. Sfortunatament jiġu wiċċ imb’wiċċ ukoll mal-iskart li jħarbat l-ekosistemi tal-ibħra tad-dinja tagħna. Voluntiera bħal dawk li pparteċipaw fil-Wave of Change għandhom ukoll il-ħila li jagħmlu differenza, u għalhekk sabu l-appoġġ tal-ERA.

L-ERA tissorvelja l-kwalità tal-ilmijiet tagħna fuq bażi frekwenti. Infatti, l-Awtorità timxi ma’ liġijiet u regoli estensivi li jkopru l-ilmijiet tal-wiċċ, l-ilmijiet tal-pjan, l-ilma baħar u z-zoni protetti kollha. Programmi ta’ monitoraġġ jippermettu ħarsa ġenerali koerenti u komprensiva tal-istat tal-ilma f’kull distrett fejn jinġabar l-ilma. L-Awtorità tinsab impenjata tistħarreġ dwar il-biodiversità fl-ibħra Maltin, u qiegħda wkoll timplementa diversi attivatijiet u xogħlijiet fuq dan permezz ta’ fondi nazzjonali u internazzjonali, li jinkludu wkoll proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea.

Wave of Change Diving Cleanup kienet inizjattiva waħda minn bosta li qed isiru. L-ERA tħares lejn l-ilma u l-ibħra Maltin bħala patrimonju u mhux biss bħala riżorsa, għalhekk tibqa’ tisħaq favur il-protezzjoni u t-trattament xieraq tal-ibħra Maltin u Għawdxin u inizjattivi f’dan is-sens.​