Wara investigazzjonijiet mid-Direttorat tal-Infurzar tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi f’dawn l-aħħar jiem, irriżulta li meded tat-Trejqa tal-Virtù fir-Rabat u ta’ trejqa rurali oħra, ġew imwessgħin konsiderevolment fil-wied li kien jgħaddi maġenbhom. Bnadi minn dawn it-trejqiet issa ġew għandhom żewġ karreġġjati u l-wied spiċċa qisu trinka ta’ maġenb triq.

Minħabba f’dawn ix-xogħlijiet, irriżulta li kien hemm qerda tal-ambjent naturali konsegwenza tat-tqegħid ta’ materjal ta’ kostruzzjoni fuq art li qabel kienet ikkolonizzata b’veġetazzjoni naturali, u bidla fiżika tal-profil ta’ wied u tal-korsa naturali tan-nixxiegħa tal-ilma.

Apparti minn hekk dawn ix-xoghlijiet kollha qed isiru mingħajr il-permessi neċessarji mill-istess Awtorità.

Konsegwentement iktar kmieni llum, l-uffiċjali tal-Awtorità ħarġu ordni ta’ waqfien verbali (verbal stop order) lill-kuntrattur – Galletta Construction Limited, u lill-Infrastructure Malta, skont il-provvedimenti tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, filwaqt li iktar tard inħareġ ukoll Ordni ta’ Waqfien u Konformità (Stop and Compliance Order) formali – OWK0015/19 li ġie nnotifikat u huwa applikabbli mil-lum stess.

Ġiet infurmata wkoll l-Awtorità tal-Ippjanar bil-każ.

Intant, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qiegħda tinvestiga diversi każijiet oħra ta’ interventi fuq toroq rurali u mhumiex, fosthom f’Wied is-Sewda.