Transpożizzjoni tal-bqija tal-Artikoli tad-Direttiva dwar il-Prodotti tal-Plastik li jintużaw Darba Biss

CONSULTATION BRIEF

 Data tal-bidu: 15 ta’ Diċembru 2021

Data tal-għeluq: 9 ta’ Frar 2022

Titlu tal-konsultazzjoni pubblika: Transpożizzjoni tal-bqija tal-Artikoli tad-Direttiva dwar il-Prodotti tal-Plastik li jintużaw Darba Biss

Ministeru: Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar

Entità: Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi

  1. Informazzjoni Ġenerali

F’Lulju tal-2019, l-Unjoni Ewropea adottat id-Direttiva (UE) 2019/904 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (magħrufa bħala Single Use Plastic jew id-Direttiva SUP). Id-Direttiva SUP titratta l-aktar l-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss (SUP) li jinstabu l-aktar fil-bajjiet Ewropej, kif ukoll l-irkaptu tas-sajd u plastik oxo-degradabbli permezz ta’ sett ta’ miżuri differenti mfassla biex jinkisbu l-aktar riżultati effettivi, filwaqt li tieħu in konsiderazzjoni alternattivi aktar sostenibbli. Miżuri bħal dawn ivarjaw minn restrizzjonijiet fuq is-suq u ġbir separat li jilħaq il-miri tar-riċiklaġġ, miżuri ta’ tnaqqis fil-konsum, ċerti rekwiżiti fuq il-prodott, kif ukoll obbligi ġodda ta’ Extended Producer Responsibility (EPR).

F’Diċembru 2020, Malta ħarġet ir-Regolamenti dwar Restrizzjonijiet fuq it-Tqegħid fis-Suq ta’ Prodotti tal-Plastik li Jintużaw Darba Biss (maħruġin bħala L.S. 549.140 u L.S. 117.41), li jittrasponu l-Artiklu 5 u l-Artikoli 6 (1) u 6 (2) tad-Direttiva SUP. F’konformità mad-Direttiva SUP, il-L.S. 549.140 tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti magħmulin minn plastik oxo-degradabbli kif ukoll il-prodotti SUP mniżżla fil-Parti A tal-Iskeda. Din il-L.S. tipprojbixxi wkoll it-tqegħid fis-suq ta’ kontenituri tax-xorb mit-3 ta’ Lulju 2024 jekk l-għotjien tagħhom ma jkunux imwaħħla ma’ tali kontenituri.

It-traspożizzjoni tal-Artikoli li fadal tad-Direttiva SUP fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-iskart teħtieġ għadd ta’ emendi, kif ukoll it-tħejjija ta’ regolamenti ġodda. Tħejjew tliet Avviżi Legali (LNs) ġodda kif indikat:

  • Regolamenti tal-2021 dwar Qafas dwar Prodotti tal-Plastik li Jintużaw Darba Biss
  • Regolamenti tal-2021 li jemendaw ir-Regolamenti dwar Restrizzjonijiet fuq it-Tqegħid fis-Suq ta’ Prodotti tal-Plastik li Jintużaw Darba Biss (Emenda Nru. 2); u
  • Regolamenti tal-2021 li jemendaw if-Regolamenti dwar ir-Riċiklaġġ ta’ Kontenituri tax-Xorb).

Fit-taqsima tad-Dokumenti ssib ħarsa ġenerali fuq il-liġijiet il-ġodda.

  1. Konsultazzjoni

Skont Artiklu 55 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap. 549) il-pubbliku huwa mistieden biex jagħmel is-sottomissjoniet lill-ERA bil-kummenti li jiddikjaraw kif ir-regolamenti proposti jistgħu jittejbu biex jilħqu l-għan aħħari tagħhom.

  1. Dokumenti

Overview of the proposed legal instruments

Single-Use Plastic Framework Regulations, 2021

Regolamenti tal-2021 dwar Qafas dwar Prodotti tal-Plastik li Jintużaw Darba Biss

Restrictions on Placing on the Market of Single-Use Plastic Products (Amendment No 2) Regulations, 2021

Regolamenti tal-2021 li jemendaw ir-Regolamenti dwar Restrizzjonijiet fuq it-Tqegħid fis-Suq ta’ Prodotti tal-Plastik li Jintużaw Darba Biss (Emenda Nru. 2)

Beverage Containers Recycling (Amendment) Regulations, 2021

Regolamenti tal-2021 li jemendaw if-Regolamenti dwar ir-Riċiklaġġ ta’ Kontenituri tax-Xorb

Preżentazzjoni mil-Laqgħa ta’ Konsultazzjoni mal-Istakeholders

Vidjow mil-Laqgħa ta’ Konsultazzjoni mal-Istakeholders

Vidjow mil-Laqgħa ta’ Konsultazzjoni mal-Pubbliku

Sottomissjonijiet u rispons mill-Pubbliku

 

  1. Sottomissjoni ta’ kummenti

Kummenti se jintlaqgħu bl-email fuq era.policy@era.org.mt sad-9 ta’ Frar 2022.

  1. Iktar noti

Għandek tkun infurmat li l-kummenti sottomessi, flimkien mal-identità tal-kontributur, jistgħu jiġu ppubblikati online fi tmiem il-konsultazzjoni pubblika, sakemm il-kontributur ma joġġezzjonax għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni personali tiegħu / tagħha. F’każ ta’ oġġezzjoni, il-kontribuzzjoni tista’ tiġi ppubblikata f’forma anonima.

Il-kummenti kollha sottomessi se jiġu kkunsidrati kif xieraq.