Informazzjoni Ġenerali
Il-Protokoll ta’ Kiev dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti((*) huwa strument legali internazzjonali dwar ir-reġistri tar-rilaxx u t-trasferiment ta’ Inkwinanti (PRTR). L-istrument huwa protokoll taħt il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u għandu l-għan li jsaħħaħ l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni permezz ta’ reġistri koerenti ta’ rilaxx u trasferiment ta’ inkwinanti (PRTRs) fuq livell nazzjonali. PRTR huwa inventarju ta’ emissjonijiet minn siti industrijali għall-arja, l-ilma u l-ħamrija, li jistgħu jkunu perikolużi. Il-PRTR huwa għodda importanti għat-tfassil tal-politika ambjentali li tinkoraġġixxi lill-industriji u l-faċilitajiet biex inaqqsu l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, filwaqt li jżommu t-trasparenza mal-pubbliku.
(*) għal verżjoni tat-test bil-Malti, wieħed jista’ jara l-Anness A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/61/KE.
Il-Protokoll tal-PRTR daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ottubru 2009, u b’hekk rabat lill-Partijiet kollha tiegħu. L-Unjoni Ewropea (UE) hija waħda mill-Partijiet għal dan il-protokoll, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (2006/61/KE) tat-2 ta’ Diċembru 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll UN-ECE dwar ir-Reġistri dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti. Sabiex jiġi implementat dan, l-UE ppubblikat ir-Regolament tal-Kunsill KE 166/2006 dwar l-istabbiliment ta’ Reġistru Ewropew ta’ Rilaxx u Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE fit-18 ta’ Jannar 2006.
Malta saret Parti tal-Protokoll tal-PRTR fl-20 ta’ Mejju 2016. Madankollu qabel din id-data, id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll kienu japplikaw indirettament għal Malta permezz tad-dħul tagħha fl-UE u minħabba l-applikazzjoni tar-Regolamenti E-PRTR tal-UE (KE 166/2006), li tapplika direttament għal kull Membru Stat tal-UE.
Id-data nazzjonali tiġi rrappurtata lill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) fuq bażi annwali u dan jiġi mtellgħa sussegwentement fuq il-websajt idedikata għall-UE tal-E-PRTR. Jekk tixtieq tara xi dejta rrappurtata minn Malta fis-snin preċedenti, jekk jogħġbok ikklikkja fuq dan il-link.
Rapport ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali
Skont l-Artikolu 17 tal-Protokoll tal-PRTR, il-Partijiet huma mitluba sabiex jirrevedu kontinwament l-implimentazzjoni tal-Protokoll fuq bażi regolari permezz ta’publikazzjoni ta’ rapporti nazzjonali. Sabiex jippromwovu aktar l-iskambju ta’ għarfien u esperjenza, ir-rapporti ta’ implimentazzjoni nazzjonali mħejjin mill-Partijiet għal kull ċiklu ta’ rappurtar huma aċċessibbli minn fuq il-websajt tal-UNECE PRTR.
Bħala parti mill-Protokoll tal-PRTR, Malta hija meħtieġa li tissottometti r-Rapport ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali lis-Segretarjat tal-Protokoll tal-PRTR disa’ xhur qabel il-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll (li tiltaqa’ kull erba’ snin). L-ewwel rapport ġie sottomess fl-2021 u jista’ jiġi aċċessat f’ dan il-link. Ir-rapport li jmiss huwa dovut fis-sena 2025.
Bħala parti mill-proċess ta’ tħejjija tar-Rapport ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali, l-ERA torganizza żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi differenti. L-ewwel konsultazzjoni hija relatata mal-format tar-rapport. F’din il-konsultazzjoni, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jissottometti kwalunkwe suġġeriment ta’ suġġetti relatati mal-PRTR li jixtieq jara li jiġu ttrattati fir-rapport. It-tieni u l-aħħar konsultazzjoni hija dwar l-abbozz tar-rapport attwali li tħejja mill-Awtorità. Il-pubbliku jingħata ħin suffiċjenti sabiex jikkummenta u jqajjem it-tħassib tiegħu. L-Awtorità mbagħad tipprepara r-rapport finali filwaqt li tqis kwalunkwe kumment li tirċievi. Kont dettaljat tal-proċess meħtieġ biex jitħejja r-rapport ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali jista’ jinstab fuq dan il-link.
Aċċess għall-Informazzjoni u Trasparenza
l-PRTR, tghin fIt-titjib tat-trasparenza, l-effiċjenza u r-responsabbiltà, li huma elementi ewlenin ta’ governanza tajba permezz tar-rappurtar tad data. Fattur li jgħin biex tittejjeb il-governanza tajba hija l-għodda regolatorja effettiva tal-konsultazzjoni pubblika. Minħabba r-responsabbiltajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ERA, l-Awtorità hija konxja li l-informazzjoni u l-involviment tal-pubbliku u l-partijiet interessati kollha fit-tfassil tal-politika u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet huma kruċjali għall-protezzjoni u t-titjib ħolistiku tal-ambjent tagħna.
Ir-Regolament tal-E-PRTR tal-UE twaqqaf bl-għanijiet ewlenin li ġejjin:
- li jinkoraġġixxi titjib fil-prestazzjoni ambjentali mill-industrija;
- li jipprovdi aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar rilaxxi ta’ inkwinanti u trasferimenti barra mis-sit ta’ inkwinanti u skart;
- li jinforma lill-pubbliku dwar emissjonijiet importanti ta’ inkwinanti minħabba ċerti installazzjonijiet;
- biex jintraċċaw ix-xejriet fl-emissjonijiet;
- li juri progress fit-tnaqqis tat-tniġġis;
- biex tissorvelja l-konformità ma’ ċerti ftehimiet internazzjonali;
- li jippermetti t-twaqqif ta’ prijoritajiet ambjentali; u
- biex jevalwaw il-progress ambjentali.
L-E-PRTR huwa utli peress li jtejjeb l-għarfien pubbliku dwar it-tniġġis ambjentali u jsaħħaħ it-trasparenza u l-komparabbiltà. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-Protokoll tal-PRTR, il-membri tal-pubbliku għandhom jingħataw aċċess bla restrizzjonijiet għall-informazzjoni li tinsab fl-E-PRTR.
Iktar informazzjoni fuq ir-Regolament huwa disponibbli minn dan il-link.
Id-data nazzjonali tal-PRTR hija disponibbli wkoll mis-sit tal ‘Malta Spatial Data Infrastructure’ fuq dan il-link.
Membri tal-pubbliku jistgħu jitlobu informazzjoni kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, permezz ta’ emejl fuq [email protected] jew billi jċemplu fuq 22923500 biex jiffissa appuntament fl-ufficini tal-Awtorita’ jew online.
Informazzjoni għall-operaturi
Ir-Regolament tal-E-PRTR tal-UE (KE 166/2006) jobbliga lil ċerti installazzjonijiet (bħal power stations u ċerti attivitajiet ta’ ġestjoni tal-iskart) fl-Istati Membri tal-UE sabiex jirrappurtaw ir-rilaxxi annwali tal-emissjonijiet tagħhom fl-arja, l-ilma u l-art (ħamrija) u t-trasferimenti tal-iskart lill- Awtorità Kompetenti relevanti (ERA għal Malta). L-ERA mbagħad tirrapporta d-data lill-Kummissjoni Ewropea, li sussegwentament tagħmel id-data aċċessibbli f’reġistru pubbliku tal-UE onlajn b’xejn (l-E-PRTR).
L-operaturi huma meħtieġa li jirrapurtaw id-data tagħhom sa’ Marzu ta’ kull sena skont ir-Regolamenti dwar l-Obbligazzjonijiet ta’ Rappurtaġġ lir-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti, L.S 549.47. Id-dejta għal sena kalendarja partikolari hija meħtieġa li tiġi sottomessa sa Marzu tas-sena ta’ wara lill-ERA, fil-format elettroniku kif indikat fil-kundizzjonijiet tal-permess rispettiv tal-faċilità.
L-ERA ppubblikat mudell għar-rappurtar mill-operaturi, sabiex tipprovdi mezz sempliċi u uniformi ta’ rappurtar.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet dokument ta’ gwida, biex tassisti lill-operaturi biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament E-PRTR (Regolament KE 166/2006).
Link għal verżjoni Ingliza ta’ din il-paġna web tista’ ssibha hawn.